Skip to main content
STORY

In-Nies Wara l-Cospicua Short Play Festival: Viżjoni li Saret Storja ta’ Suċess Kulturali

Wara kull inizjattiva kulturali ta’ suċess hemm nies b’viżjoni, passjoni u impenn biex joħolqu xi ħaġa li tibqa’ tħalli impatt.

Wara kull inizjattiva kulturali ta’ suċċess hemm nies b’viżjoni, passjoni u impenn biex joħolqu xi ħaġa li tibqa’ tħalli impatt. Il-Cospicua Short Play Festival huwa proprju eżempju ta’ dan; vjaġġ li beda fl-2018 b’ħolma li t-teatru jinġieb aktar qrib il-komunità u li jinħoloq spazju fejn it-talent Malti jkun jista’ jikber u jispikka.

L-idea tal-festival twieldet minn żewġ artisti Bormliżi, Joseph Galea u Pierre Bugeja, li għal bosta snin kienu involuti fil-ħajja artistika u kulturali ta’ Bormla. Il-passjoni tagħhom għat-teatru u l-ħidma fil-komunità wasslithom biex joħolqu inizjattiva li mhux biss tiċċelebra l-arti teatrali, iżda wkoll tagħti opportunità lil kittieba, diretturi u atturi biex jesprimu l-kreattività tagħhom.

Flimkien mal-Kunsill Lokali Bormla, u bl-appoġġ tas-Sindku ta’ dak iż-żmien Alison Zerafa Civelli, il-festival ġie stabbilit bħala proġett kulturali bil-għan li jħalli marka pożittiva kemm fuq il-lokalità kif ukoll fuq ix-xena artistika Maltija.

Dak li beda bħala inizjattiva lokali llum kiber f’avveniment teatrali rikonoxxut fuq livell nazzjonali. Matul is-snin, il-Cospicua Short Play Festival sar punt ta’ laqgħa għall-kreattività, il-kollaborazzjoni u l-parteċipazzjoni tal-komunità, filwaqt li joffri lill-udjenzi esperjenza teatrali unika f’ambjenti storiċi ta’ Bormla.

Is-suċċess tal-festival huwa r-riżultat tal-ħidma ta’ ħafna nies; mill-organizzaturi u t-tim artistiku, sal-kittieba, diretturi, atturi, timijiet ta’ produzzjoni, voluntiera u residenti li kull sena jagħtu sehemhom biex dan il-proġett ikun possibbli.

Din il-ħidma ġiet rikonoxxuta wkoll fuq livell nazzjonali. Fl-2025, il-Cospicua Short Play Festival rebaħ il-Premju għall-Arti għall-Aqwa Proġett fil-Komunità, bħala rikonoxximent tal-kontribut tiegħu fil-qasam kulturali, fl-involviment tal-komunità u fl-iżvilupp tat-teatru Malti.

Iżda l-akbar kisba tal-festival ma titkejjilx biss bil-premjijiet jew bir-rikonoxximenti. Il-veru suċċess tiegħu jinsab fl-opportunitajiet li joħloq: li jagħti vuċi lil talenti ġodda, li jħeġġeġ il-kreattività u li jgħaqqad in-nies permezz tal-qawwa tar-rakkont u tat-teatru.

Hekk kif il-festival ikompli jikber, il-missjoni tiegħu tibqa’ l-istess: li jressaq il-komunità aktar qrib tal-arti u li jkompli joħloq esperjenzi teatrali sinifikanti fil-qalba ta’ Bormla.